Navigate Up
Sign In

INFORMAZZJONI DWAR KUNTATT:

 Indirizz tal-Kuntatt
Uffiċċju tar-Regolatur
Programm ta' Investitur Individwali
It-Tieni Sular, Binja Evans,
Triq il-Merkanti
Valletta​

 Ikkuntattjana

 Telefon
+356 25689381​

 Imejl

RWOL TAL-UFFIĊĊJU

Ħatra u funzjonijiet

Il-ħatra tar-Regolatur (Programm ta’ Investitur Individwali) u l-funzjonijiet tal-Uffiċċju tiegħu huma regolati mill-proviżjonijiet tal-Artiklu 25 tal-Att​ dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188)​​Dan jgħid li l-persuna tinħatar mill-Prim Ministru wara li jikkonsulta mal-Kap tal-Oppożizzjoni.  Ir-rekwiżiti prinċipali sabiex tali persuna tkun eliġibbli għall-ħatra huma li din f’xi żmien qabel kellha l-kariga ta’ Imħallef, jew Maġistrat, jew li kellha l-kariga ta’ Avukat Ġenerali jew Segretarju Permanenti jew li pprattika bħala avukat f’Malta għal żmien ta’ mhux inqas minn tnax-il sena.  Hu stipulat ukoll li matul iż-żmien li fih ir-Regolatur ma jkunx maħtur, l-Ombudsman (maħtur taħt l-Att dwar l-Ombudsman) għandu jaġixxi ex officio bħala Regolatur.

Ir-Regolatur għandu jżomm il-kariga skont it-termini tal-ħatra tiegħu.  B’żieda mal-funzjonijiet tiegħu taħt l-Att u dawk il-funzjonijiet oħra kif jistgħu jiġu assenjati lilu taħt kull liġi, ir-Regolatur għandu jżomm taħt reviżjoni kull aspett tal-programm ta’ investitur individwali. B’mod partikolari, kif indikat f’Artiklu 25A tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, hu jista’ jinvestiga ilmenti dwar il-Programm ta’ Investitur Individwali.

Barra minn hekk, il-Prim Ministru jista’ b’Regolamenti, jassenja lir-Regolatur kull funzjoni oħra li jkollha x’taqsam ma’ ċittadinanza.​

Awtonomija u Poteri

 

Hekk kif stipulat f’Artiklu 25(5) tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza, fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu taħt l-Att, ir-Regolatur għandu jaġixxi fil-ġudizzju individwali tiegħu u m’għandux ikun soġġett għad-direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtoritoħra.  Għandu wkoll ikun id-dmir ta’ kull persuna involuta fl-amministrazzjoni tal-programm ta’ investitur individwali (jew ta’ kull kwistjoni oħra li jkollha x’taqsam mal-funzjonijiet tar-Regolatur) li tiżvela jew tagħti lir-Regolatur dawk id-dokumenti jew informazzjoni li dan jista’ jitlob sabiex ikun jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu.

Rappurtaġġ

Ir-Regolatur jista’, minn żmien għal żmien, jirrapporta lill-Ministru fuq kull kwistjoni li jkollha x’taqsam mal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu taħt l-Att dwar iċ-Ċittadinanza.  B’mod partikolari ir-Regolatur għandu jagħmel rapport annwali fuq il-qadi tal-funzjonijiet tiegħu lill-Ministru, liema rapport annwali m’għandux jinkludi data personali li jkollha x’taqsam ma’ individwi li jkunu kisbu ċittadinanza Maltija taħt il-programm ta’ investitur individwali.  Il-Ministru għandu jqiegħed kopja ta’ kull rapport annwali fuq il-Mejda tal-Kamra malajr kemm jista’ jkun wara li r-rapport ikun sar lilu.

Ir-Regolatur ikun mistenni (jekk jintalab) li jattendi laqgħat tal-Kumitat ta’ Monitoraġġ (imwaqqaf skont il-proviżjonijiet ta’ Artiklu 25B tal-Att dwar iċ-Ċittadinanza) sabiex jirrapporta fuq kwistjonijiet relatati mal-programm ta’ investitur individwali.  Il-Kumitat (li għandu jirregola l-proċeduri tiegħu) hu magħmul mill-Prim Ministru, il-Ministru responsabbli minn affarijiet relatati ma’ ċittadinanza Maltija u mill-Kap tal-Oppożizzjoni.  Il-laqgħat, li jsiru mill-inqas darba fis-sena, huma presjeduti mill-Prim Ministru.​

Regolaturi maħtura

  • Dr Godwin Grima (April 2014 - Jannar 2016)
  • Is-Sur Carmel De Gabriele (Frar 2016 -        )